It-tgħannieq u ngħidu nħobbok lit-tfal naqra kbar u adoloxxenti
Meta jkollna t-trabi u toddlers, tiġi naturali li ngħanqu, inbusu u ngħidu nħobbok lit-tfal tagħna.
Iżda, hekk kif dawn jagħlqu 4 snin u iktar, it-tgħannieq, bews u l-inħobbok jibdew jonqsu…ħafna drabi mingħajr ma nindunaw…almenu, hekk ġara lili!
Niftakar ċarissimu l-ġurnata li ġejt konxja ta’ dan. Iż-żgħir kellu sentejn u t-tnejn l-oħra kienu 8 u 6. Bħal kull jum, kont qed nuri l-imħabba tiegħi lejn iż-żgħir sakemm il-kbar joħorġu mil-iskola. Meta ħarġu, għajjiena u mfelfla, ħarist lejn dawn it-tfal tiegħi u ħassejtni niksaħ.
Veru li kont ngħannaqhom u nbushom…. għalkemm mhux daqs ħuhom iż-żgħir… Imma f’dak il-mument ma stajtx niftakar l-aħħar li għidtilhom inħobbok. Ksaħt u ħassejt dwejjaq kbar u minn dak il-mument daħħalt din ix-xena ġo qalbi u moħħi ħalli qatt ma nerġa ninsa.
Ovvjament, meta t-tfal jibdew jikbru, jibdew jiddejqu mit-tgħannieq, bews u kliem ta’ mħabba – speċjalment quddiem sħabhom. Huwa wkoll normali, li l-adoloxxenti jirrifjutaw turija ta’ mħabba, billi jgħidulna li ma hemmx bżonn għax jafu li aħna nħobbuhom.
Minkejja dan, mir-riċerka li saret naraw li tgħannieqa tnaqqas ir-rilaxx tal- kortisol, ormoni tal-istress u riċerka oħra tindika li t-tgħannieq jnaqqas il-pressjoni u r-rata tal-qalb f’sitwazzjonijiet stressanti. Il-laqta tat-trawwim (anke tal- kliem) mhuwiex biss għat-tfal iż-żgħar imma huma vitali għat-tfal li qed jikbru u adoloxxenti wkoll.
Forsi jkollok bżonn tkun naqra iktar kreattiv kif tagħmel dan meta jibdew jirrifjutaw turija ta’ mħabba; bħal tagħmel high five, tgerfex ix-xagħar…. il-biċċa hi, li tfal kbar u speċjalment l-adoloxxenti huma kważi kważi mċaħħda mis-sens tal-mess -jekk humiex konxji ta’ dan u ma jridux jammettu jew le, dan huwa fatt.
Skond it-terapisti tal-familji, kulħadd (inkluż l-adoloxxenti) għandhom bżonn “erba’ tgħanniqiet kuljum biex tgħix sew, tmienja kuljum għal manetunzjoni u tnax kuljum biex tkompli tikber.” Dan jidher qisu ħafna tgħannieq – speċjalment għal adoloxxenti li ma jridux min jindukkrhom iktar. Iżda, kif għedt, jekk tgħannieqa tradizzjonali mhix mixtieqa, hemm modi oħra kif nużaw dan is-sens li xorta jaħdem u importanti nsibu l-ħin tajjeb għalih.
Li ngħidu inħobbok, ukoll għada mprotanti ħafna u tista ssir każwalment: “ridt infakkrek li nħobbok tafx” jew tħallilhom xi nota fejn isibuha jew issir VERA taf lit-tfal tiegħek, u tuża dik li tissejaħ love language u b’hekk ma jkunx hemm bżonn ta’ turija ta’ mħabba bil-kliem (sakemm din mhix il–lingwa tal-imħabba tagħhom!).
B’hekk, bl-għarfien ta’ kif sempliċi tgħannieqa tista ittejjeb is-saħħa tat-tfal u l-kliem inħobbok jagħtuk dik l-emozzjoni min ġewwa u b’hekk ittejjeb ukoll il-ħajja billi nħossuna li aħna għandna post f’din il-ħajja….mur, mur u uri mħabbtek lejn uliedek, tistenniex iktar!