Konverżatjonijiet Mat-Tifla
Ħafna mil-konverżezzjonjiet li jkolli mat-tifla l’issa għandha 11-il sena, jiġru fil-karozza fi triqtna għal lezzjonijiet tal-ballet. Dawn huma ftit mill-iktar reċenti.
M: Fuq it-tabella tad-distanza soċjali l-aħħar darba rajt ritratt li kien nofs mara/raġel. Għala?
Jien: Dik biex turi l-inklusivita’. Taf meta tkellimna fuq kif kultant ikun hemm nies li jkollohom ġisem ta’ raġel imma jħossuhom nisa u bil-kontra? Daż-żmien, naraw iktar din it-tabella biex, inkunu qed nġibu iktar għarfien u attenzjoni lejn in-nies kollha.
M: Hemm xi ħadd fis-sena tiegħi li qed tgħid li hi tifel u anke bidlet isimha.
Jien: Mmmmm, għandi zija li twieldet tifel, imma dejjem ħassitha mara u eventwalment bidlet isimha u kollox.
M: Ma kontx naf.
********
M: Ma, dal-aħħar qed ikolli aptit niekol ħafna ikel moqli u ħelu. Ma nistax nieqaf naħseb fuqhom!
Jien: (bi tbissima) mid-dehra l-ormoni tiegħek qed jiġu sinkroniżżati ma tiegħi. Jiena wkoll qegħda jiġrili hekk. Tisejjaħ il-fażi luteali.
M: Għala jiġri hekk?
Jien: Ġismna, jkollu bżonn nutrijenti differenti għal kull fażi taċ-ċiklu. Fil-każ tal-fażi luteali, meta nkunu neqsin minn dawn in-nutrijenti, il-ġisem ikollu kilba għal ikel moqli u biz-zokkor għax tinħass li l-bżonnijiet qed jiġu sodisfatti b’hekk.
M: Imma għad ma għandix il-period
Jien: Imma ġismek qed jibda jipprepara.
*********
M: Kultant, jekk nieklu pizza jew kejk, wara ftit, ġħalkemm ikolli aptit nibqa niekol ikolli nieqaf għax nħossni ħażin inkella.
Jien: Tajjeb ħafna li qed tkun konxja tal-bżonnijiet ta’ ġismek.
M: Imma frustranti għax ikun tajjeb ħafna u jkolli nieqaf.
Jien: Iva, iebsa tieqaf meta qed tieħu gost b’xi ħaġa. U kuntenta li xorta qed tieqaf u tonora l-bżonnijiet ta’ ġismek. Huwa tajjeb u important li qed tisma u tagħti każ il- vuċi ġewwenija tiegħek taf?
Dawn il-konverżazzjonijiet jimlewli qalbi b’imħabba u ferħ hekk kif nara l-ħsieb intwitiv ta’ binti jikber u jissaħħaħ.
1 Comment